Nhar il-Ħamis 2 ta’ Mejju, il-President Myriam Spiteri Debono kellha laqgħa kordjali ma’ membri tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi li ppreżentawlha pubblikazzjonijiet relatati mal-istudji li wettqu b’rabta mal-ekonomija, r-rikonċiljazzjoni u s-saħħa u s-sigurtà fl-industrija tal-kostruzzjoni.

Matul din il-laqgħa li saret fil-Palazz ta’ San Anton, Dr Spiteri Debono saħqet fuq l-importanza tax-xogħol tal-Kummissjoni u inkoraġġiet il-membri tagħha biex ikomplu jistinkaw biex iwasslu l-vuċi tal-Kummissjoni fis-soċjetà u fost iż-żgħażagħ. Minn naħa tiegħu, il-President tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, il-Perit Daniel Darmanin, tkellem fuq il-ħidma tal-Kummissjoni f’dawn l-aħħar snin.

F’din l-okkażjoni, il-Perit Darmanin ippreżenta lill-Eċċellenża tagħha kopja ta’ Yahad, li jispjega l-viżjoni tal-Kummissjoni għas-soċjetà Maltija, kif ukoll kopja ta’ “The ‘Ejja Ejja’ culture“, li hu rapport ta’ riċerka fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fil-qasam tal-kostruzzjoni.