Nhar il-ġimgħa 19 ta’ Mejju, Il-Kap tal-PN Bernard Grech flimkien mad-Deputati Nazzjonalisti Stanley Zammit, Julie Zahra u Janice Chetcuti, iltaqgħu ma’ diversi għaqdiet non-governattivi, fil-Parlament ta’ Malta.

L-għaqdiet non-governattivi preżenti kienu Rota, Flimkien għall-Ambjent Aħjar, The Ramblers’ Association, Din l-Art Ħelwa, Nature Trust Malta, Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, Birdlife Malta u Friends of the Earth.

Fost l-oħrajn, l-għaqdiet preżenti sostnew il-bżonn ta’ infurzar ikbar u bidla fir-relazzjoni bejn il-partiti politiċi u n-negozju li spiss iwassal għall-regoli u liġijiet li minnhom igawdu l-ftit u mhux il-komunitajiet tagħna. Saħqu wkoll fuq il-bżonn ta’ bidla fil-mudell ekonomiku tagħna li għadu jiffoka wisq fuq it-tkabbir tal-GDP u mhux fuq il-kwalità tal-ħajja u l-ħarsien ta’ l-ambjent.

Mark Cachia, li attenda din ir-round table f’isem il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, tkellem dwar il-bżonn li nħarsu lejn l-impatt li s-settur tal-kostruzzjoni qed ikollu fuq il-ħaddiema li jaħdmu f’dan is-settur. Fi proġett ta’ riċerka li bħalissa l-Kummissjoni qed tħejji, jidher ċar li fejn tidħol is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, għad m’hemmx il-protezzjoni u l-infurzar meħtieġa biex il-ħaddiema fil-kostruzzjoni ma jibqgħux jirriskjaw ħajjithom għal xejn b’xejn. Mark Cachia semma wkoll li għalxejn niffukaw biss fuq il-liġijiet u r-reglamenti li jirrigwardaw il-post tax-xogħol, jekk fil-każ tal-ħaddiema barranin, inħaddnu policies li jħallu lil dawn in-nies f’sitwazzjoni prekarja ferm li tneħħilhom ħafna mill-libertà biex jirrifjutaw li jaħdmu f’sitwazzjonijiet perikolużi jew li jirrapportaw ksur ta’ liġi.

Minn naħa tiegħu, id-deputat Stanley Zammit li organizza din id-diskussjoni, wiegħed li l-Oppożizzjoni ħa tibqa’ miftuħa għad-djalogu, biex jiġu introdotti liġijiet u policies li jħarsu l-ambjent naturali Malti u jippromwovu żvilupp li jirrispetta d-dinjità ta’ kulħadd u jsaħħa il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini kollha.