Dan l-aħħar iltqajt mal-istorja ta’ Najib Nasary, refuġjat mill-Afganistan li ħalla art twelidu biex ifittex bidu ġdid fi Franza. Ma kellu xejn, ma kien jaf lil ħadd, u ffaċċja t-theddida ta’ deportazzjoni. Imma meta n-nies ta’ raħal fil-muntanji Cévennes ta’ Franza laqgħuh, fl-aħħar sab dar ġdida u skopra fih ukoll passjoni ġdida għall-ħajja.

It-triq ma kinetx facli ghal Najib. Wara li wasal Franza, Najib iffaċċja ħafna sfidi hekk kif ipprova jibni ħajja ġdida għalih innifsu f’pajjiż barrani. Minkejja dawn l-isfidi, Najib kien determinat li jirnexxi u li jagħti kontribut pożittiv lill-komunità l-ġdida tiegħu. Ħadem ħafna biex jitgħallem il-Franċiż u jadatta għall-ħajja fi Franza, u eventwalment sab xogħol f’forn. Ix-xogħol iebes u d-dedikazzjoni ta’ Najib taw il-frott, u malajr sar membru siewi tat-tim tal-forn. Kien iħobb ix-xogħol, u beda joħlom li xi darba jiftaħ il-forn tiegħu u jibda jaħmi l-ħobż huwa stess. Il-ħidma u d-determinazzjoni tiegħu wassluh biex isir parti integrali mir-raħal fejn kien jgħix, tant li meta l-awtoritajiet riedu jibagħtuh lura f’pajjiżu, kulħadd, inkluż is-sindku u l-mexxejja tal-komunità, ħadmu biex dan ma jsirx u jinħarġu l-karti neċessarji biex hu jkollu l-ażil fil-pajjiż.

Wara snin ta’ tifdil u tħejjija, u bl-għajnuna tal-membri mill-komunità, Najib fl-aħħar seta’ jirrealizza l-ħolma tiegħu u jiftaħ il-forn tiegħu stess f’belt żgħira fi Franza. Il-forn tiegħu malajr sar destinazzjoni popolari u maħbuba, magħrufa għall-għaġina u l-ħobż delizzjużi tagħha, u għall-atmosfera sħuna u akkoljenti li kkultiva Najib.

L-istorja vera ta’ Najib hija tfakkira qawwija tar-reżiljenza u d-determinazzjoni tal-immigranti, tal-valur tal-ospitalità u l-għajnuna, imma fuq kollox tal-impatt pożittiv li jista’ jkollhom nies barranin meta jiġu milqugħin minn komunità.

Dan il-fatt huwa enfassizzat diversi drabi fil-Bibbja. Fl-ittra lill-Lhud, l-awtur jikteb, “Tinsewx tilqgħu lill-barranin; minħabba f’hekk xi wħud laqgħu l-anġli bla ma kienu jafu.” (Lhud 13:2). L-awtur probabbilment għandu f’moħħu l-episodji tal-Ġenesi fejn Abraham u Lot laqgħu l-anġli tal-Mulej bla ħsieb. (Ġenesi 18:1–3; 19:1-3). Dawn it-testi bibliċi jfakkruna li nuru ospitalità lill-barrani mhuwiex biss att ġentili u ġeneruż, iżda għandu wkoll il-potenzjal li jġib barkiet u saħansitra intervent divin f’ħajjitna.

Il-laqgħa tat-tliet vjaġġaturi minn Abraħam, ġabet il-barka ta’ wild lil Abraħam, il-wild li permezz tiegħu kellu jitnissel il-poplu ta’ Iżrael. Għalhekk l-ospitalità, jew l-att li tilqaʼ u tipprovdi lill-mistednin, huwa ferm apprezzat fil-Bibbja, u allura fil-kultura ġudeo-kristjana.

Fit-Testment il-Qadim, l-ospitalità ħafna drabi hija marbuta mal-kunċett li wieħed iħobb lill-proxxmu u juri qalb tajba mal-barranin, bl-istess mod li wieħed jistenna li jsir miegħu. Il-ktieb tal-Levitiku, pereżempju, jagħti struzzjonijiet lill-Iżraelin biex “Ikun għalikom il-barrani bħal wieħed ta’ ġewwa; ħobbu bħalek innifsek, għax barranin kontu fl-art tal-Eġittu: Jiena l-Mulej Alla tagħkom.” (Levitiku 19:34).

Fit-Testment il-Ġdid, Ġesù u d-dixxipli tiegħu spiss juru ospitalità billi jilqgħu u jipprovdu għal dawk fil-bżonn, u l-Kotba Mqaddsa jħeġġu lil dawk li jemmnu biex isegwu l-eżempju tagħhom. Barra minn hekk, f’dawn il-kitbiet nsibu ukoll il-kunċett li n-nies kollha huma maħluqa fuq ix-xbieha taʼ Alla u jistħoqqilhom ir-rispett u l-mogħdrija, irrispettivament mill-isfond jew it-twemmin tagħhom. Dan jinkludi li nieħdu ħsieb il-bżonnijiet tal-barranin u nittrattawhom bl-istess imħabba u mogħdrija li nuru lill-ġirien u ħbieb tagħna stess.

Kliem Ġesù huwa ċar. Min jilqa’ barrani, qed jilqa’ lilu stess. (Mattew 25) L-ospitalità għalhekk titqies bħala mod kif wieħed jagħti ġieħ lil Alla u jaqdi lil oħrajn. Fl-ewwel Ittra ta’ Pietru, naqraw “Ilqgħu ’l xulxin bla tgergir. Kull wieħed minnkom jgħix skont id-don li rċieva u jinqeda bih għall-ġid tal-oħrajn; hekk tkunu amministraturi tajbin tal-grazzja ta’ Alla, li hi ta’ ħafna xorta.” (1 Pietru 4:9-10).

Imma xi jfisser dan kollu fil-prattika? B’mod ovvju jistaʼ jfisser li toffri ikla, post fejn wieħed joqgħod, jew ġesti oħra taʼ karità lil vjaġġaturi u barranin – nies li ma tafx, imma fuq kollox nies li huma mbegħdin mid-dar tagħhom, minn post li joffrilhom sigurtà u serħan il-moħħ. Però, barra minn dan, tista’ tilqa’ lill-barrani b’modi indiretti wkoll. Bħal ngħidu aħna bil-promozzjoni tad-drittijiet u l-benessri tal-immigranti u r-refuġjati, u l-ħidma biex tinħoloq soċjetà aktar akkoljenti u inklużiva għan-nies kollha. Fi żmien fejn il-kwistjoni tal-immigrazzjoni qed tiġi kunsidrata bħala kriżi u piż, li tfittex li tifhem minn xiex ikollhom jgħaddu dawn in-nies huwa wkoll ġest ta’ ospitalità.

Il-Papa Franġisku tkellem ta’ spiss dwar l-importanza tal-ospitalità u l-akkoljenza tal-barranin, speċjalment fil-kuntest tal-kriżi globali attwali tar-refuġjati. F’messaġġ għall-Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati fl-2014, il-Papa Franġisku qal hekk dwar dawk li sfurzati miċ-ċirkustanzi, ikollhom iħallu art twelidhom. “Il-migranti u r-refuġjati mhumiex pedini f’logħba taċ-ċess tal-umanità. Huma tfal, nisa, u rġiel li jitilqu jew huma mġiegħla jitilqu minn djarhom għal diversi raġunijiet, li jaqsmu xewqa leġittima li jkunu jafu u li jkollhom, iżda fuq kollox li jkunu aktar.”

F’dan il-kuntest, l-ospitalità hija wkoll rispett lejn id-dinjità ta’ kull bniedem, irrispettivament miċ-ċirkostanzi li jitwieled fihom. Il-Papa Franġisku enfasizza wkoll l-importanza li tintwera ospitalità lil dawk fil-bżonn, irrispettivament mill-isfond jew it-twemmin tagħhom. F’omelija li ta f’Sacrofano fl-2019, huwa qal li “m’għandniex nibżgħu noffru l-id tal-ħbiberija u solidarjetà lil min iħabbat fuq il-bieb. M’għandniex nibżgħu naqsmu magħhom il-ftit li għandna, biex nagħtuhom mument ta’ mistrieħ, biex noffrulhom kelma ta’ tama u konsolazzjoni”.

F’dawn il-kelmiet il-Papa jagħraf li ħafna drabi tkun il-biża’ li żżommna milli nilqgħu lill-barrani, u li naraw fihom persuni b’dinjità li l-ħajja tagħhom tiswa daqs ta’ kull persuna oħra. Għalhekk jistedinna biex negħlbu l-biża’ u naraw fihom opportunità ta’ laqgħa ma’ Kristu li jidher fuq kollox fil-foqra, il-morda u l-emarġinati. Il-Papa kontinwament jappella lin-nies kollha biex iħaddnu kultura ta’ laqgħa (encounter) u biex jaħdmu lejn il-bini ta’ dinja aktar inklużiva, ta’ ħniena u ta’ mogħdrija.

Dan il-kliem jgħodd ħafna għalina l-Maltin li sa mil-bidu nett tal-istorja tal-poplu tagħna kellna din is-sejħa biex inkunu poplu ta’ ospitalità u ta’ refuġju f’nofs ta’ baħar. L-isem stess tal-pajjiż huwa ħafna drabi deskritt bħala li ġej mill-kelmiet port sikur.

L-ospitalità u l-migrazzjoni huma parti integrali mill-istorja u l-għamla tal-kultura u s-soċjetà Maltija. B’pożizzjoni ġeografika fiċ-ċentru tal-Baħar Mediterran, Malta kienet u għadha f’salib it-toroq ta’ kulturi u port sikur bejn l-Ewropa u l-Afrika. Matul l-istorja tagħha, il-gżira laqgħet diversità ta’ migranti, inklużi baħħara, kummerċjanti, refuġjati, u migranti tax-xogħol.

Il-kunċett tal-ospitalità huwa ċentrali għall-kultura u l-identità Maltija. Il-gżira għandha tradizzjoni twila li tilqa’ u tospita viżitaturi, kemm għal negozju, divertiment, jew skopijiet oħra. Din il-kultura ta’ ospitalità tidher fl-imġiba dħulija u ta’ ħbiberija tal-poplu Malti, kif ukoll fis-sens qawwi tiegħu ta’ komunità u r-rabtiet familjari. Mhux ta’ b’xejn li wieħed mill-pilastri tal-ekonomija Maltija huwa t-turiżmu. Industrija mibnija fuq l-ospitalità lejn il-barrani.

L-ospitalità tal-poplu Malti hija mnaqqxa fit-test sagru tal-Atti tal-Appostli, fejn il-poplu Malti laqa’ bi ħlewwa liema bħalha lil Pawlu u sħabu. Dan l-episodju li niċċelebrawh kull sena fl-10 ta’ Frar, għal darb’oħra jfakkarna fil-kliem tal-Ittra lil-Lhud li l-laqgħa tal-barrani ġġib ħafna drabi magħha barka mis-sema.

Ħafna li bħal Pawlu ġew milqugħa tul is-snin fuq xtutna, ħallew impatt qawwi fuq dawn il-gzejjer. Il-migrazzjoni kellha rwol sinifikanti fit-tiswir tas-soċjetà u l-kultura Maltija. Matul l-istorja, il-gżira kienet bħal borma mħawra ta’ kulturi differenti, hekk kif nies minn diversi partijiet tad-dinja ġew jgħixu u jaħdmu hawn. F’din il-borma l-identitajiet differenti dakkru dak li kien hawn u taw frott ġdid. Dan ikkontribwixxa għall-wirt kulturali għani u divers tal-pajjiż, li huwa rifless fl-arti, l-arkitettura, il-mużika, il-kċina u fuq kollox l-lingwa tagħna.

F’dawn l-aħħar snin, iżda, Malta ffaċċjat numru ta’ sfidi relatati mal-migrazzjoni, hekk kif bħala poplu tħabatna biex nakkomodaw l-influss ta’ refuġjati u persuni li waslu bil-baħar biex ifittxu l-ażil. Fl-2022 immarkajna l-għoxrin sena minn mindu beda influss kontinwu ta’ dgħajjes b’immigranti – li biddel kemxejn kif inħarsu u nġibu ruħna mal-barrani.

Minkejja dan, ma għandniex ninsew li għalkemm din hija tassew kriżi, fl-istess ħin, il-gżira bħal fil-passat qed tibbenefika wkoll mill-kontribuzzjonijiet tal-migranti, li ġabu u qed iġibu ideat, ħiliet u diversità kulturali ġodda fil-pajjiż. Għalkemm l-ospitalità nisranija ma tiddependix mill-kontribuzzjoni ekonomika jew kulturali tal-immigranti imma sserraħ fuq id-dinjità tal-persuni milqugħa, huwa fatt li llum f’Malta ħafna xogħol imprezzabbli qed isir mill-barranin, li litteralment qed iżommu l-pajjiż għaddej.

Ma rridux iżda ninjoraw il-fatt li għal ħafna Maltin l-influss kbir ta’ refuġjati u persuni li jfittxu ażil u li jaslu bil-baħar, huwa ta’ inkwiet. Dan l-inkwiet jiġi qabel xejn mil-biża ta’ sitwazzjonijiet ġodda, minn biża’ ta’ dak li mhux magħruf. Din il-biża’ m’għandhiex ninjorawha, imma kif jgħid il-Papa għandna naħdmu biex negħlbuha, speċjalment billi nfittxu tassew il-verità dwar is-sitwazzjoni, u nieħdu l-azzjonijiet li hemm bżonn.

Il-gvern u s-soċjetà Maltija wieġbu għal din l-isfida b’modi differenti. Min-naħa l-waħda, il-Gvern implimenta numru ta’ miżuri biex jiżgura l-fruntieri tal-pajjiż u jipprevjeni l-migrazzjoni irregolari. Min-naħa l-oħra, is-soċjetà Maltija wriet ukoll sens qawwi ta’ solidarjetà u kompassjoni lejn ir-refuġjati u dawk li jfittxu ażil, b’mod speċjali permezz ta’ għaqdiet mhux governattivi bħal Jesuit Refugee Service (JRS) u anke permezz tal-ħidma diretta tal-Knisja permezz tal-Kummissjoni Migranti.

Dawn tal-aħħar organizzaw numru ta’ inizjattivi biex jappoġġjaw lir-refuġjati u lil dawk li jfittxu l-ażil, bħall-għoti ta’ ikel, kenn, u forom oħra ta’ għajnuna. Sostnew ukoll għal politika aktar umana u ta’ kompassjoni lejn il-migranti, u tkellmu kontra l-ksenofobija u r-razziżmu. Kif għamlet ukoll il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi li jien nagħmel parti minnha.

Għan-nies li mhux involuti b’mod dirett f’din il-ħidma tajjeb li ma jinsewx li ħafna minn dawn in-nies qed jaħarbu minn kunflitt, persekuzzjoni, u forom oħra ta’ vjolenza f’pajjiżhom, u qed ifittxu sigurtà u ħajja aħjar fl-Ewropa.

Kif qalilna l-Papa Franġisku meta żar il-Laboratorju tal-Paċi f’Ħal Far,

Minn hawn nistgħu u għandna nerġgħu nitilqu: mill-persuni u mid-dinjità tagħhom. Ma nitqarrqux minn min jgħid: “M’hemmx x’tagħmel”, “huma problemi ikbar minna”, “jien nagħmel fattija u l-oħrajn jaraw huma”. Le. Ejjew ma naqgħux f’din in-nasba. Ejjew inwieġbu għall-isfida tal-migranti u tar-rifuġjati bl-istil tal-umanità, ejjew inqabbdu ħġejjeġ ta’ fraternità, li madwarhom il-persuni jistgħu jisħnu, jerġgħu jqumu fuq saqajhom, jitkebbsu mill-ġdid bit-tama. Ejjew insaħħu t-tessut tal-ħbiberija soċjali u l-kultura tal-laqgħa, ibda minn imkejjen bħal dan, li ċertament mhux ħa jkunu perfetti, imma huma “laboratorji tal-paċi”.

Bħala konklużjoni, l-ospitalità u l-migrazzjoni huma marbuta mill-qrib fis-soċjetà Maltija. Il-gżira għandha tradizzjoni twila li tilqa’ u tospita viżitaturi, u din il-kultura ta’ ospitalità kellha rwol ewlieni fit-tiswir tal-wirt kulturali għani u divers tal-pajjiż. Fl-istess ħin, Malta ffaċċjat ukoll sfidi relatati mal-migrazzjoni, partikolarment bl-influss ta’ refuġjati u persuni li jfittxu ażil li jaslu bil-baħar. Madankollu, il-poplu Malti wera sens qawwi ta’ solidarjetà u kompassjoni lejn il-migranti, u ħadem biex jappoġġjahom u jintegrahom fil-komunitajiet tiegħu. Imsaħħin mill-fidi tagħna u bl-inkorraġġiment tar-ragħaj tagħna l-Papa, jalla ma naqtgħux qalbna, negħlbu l-biżgħat u nkomplu t-tradizzjoni tagħna ta’ poplu li jilqa’ lill-barrani. Jalla l-pajjiż kollu jkun laboratorju ta’ paċi, fejn esperimenti ġodda jsarrfu f’eżempji li jistgħu jiġu replikati mad-dinja kollha. Fejn l-ospitalità tibqa’ tiġi offruta lil kulħadd, u b’hekk ma nagħlqux il-bibien għal grazzji mibgħutin mingħand Alla permezz tal-barranin.

Daniel Darmanin

(This article appeared for the first time in Knisja 2000. Nru 143. Jannar – Marzu 2023)