22 entità tal‑Knisja, li jaħdmu mill‑qrib mal‑persuni l‑aktar fil‑bżonn u vulnerabbli fis‑soċjetà, huma mħassba biż‑żieda fil‑prezzijiet ta’ bżonnijiet bażiċi speċjalment dawk tal‑ikel. Huma qed jappellaw lill‑mexxejja u l-istituzzjonijiet tal‑pajjiż sabiex ikomplu jagħtu prijorità lil dawn il‑persuni fil‑bżonn u jieħdu azzjoni biex iż‑żieda fil‑prezzijiet ma tagħmilx is‑sitwazzjoni tal‑faqar tagħhom f’Malta agħar milli hi. Dan hekk kif jirriżulta li ħafna mill‑prodotti bażiċi bħalma huma l‑għaġin, iz‑zalza u ż‑żejt għolew b’minn talanqas 20%.
L‑entitajiet qed jisħqu li l‑aktar nies li ser ibatu minħabba dan l‑għoli fil‑prezzijiet huma dawk il‑persuni li spiss, bħala soċjetà, nippreferu nemmnu li ma jeżistux. Fost il‑persuni li qed jgħixu f’faqar moħbi hemm: familji li qed jgħixu f’appartamenti żgħar ħafna jew f’garaxxijiet spiss sforz kirjiet li jibqgħu jogħlew lil hinn mir‑realtà ta’ ċertu pagi; anzjani li jgħixu fi djarhom mingħajr dawl u ilma għaliex ma jistgħux iħallsu l‑kontijiet minħabba d‑dħul baxx tagħhom; u nies oħrajn li jgħixu fi djar u appartamenti li minn barra jidhru ‘normali’ iżda meta tidħol ġewwa issib realtajiet iebsa.
Il‑Knisja, permezz tal‑parroċċi u l‑entitajiet tagħha, hi impenjata tkompli mhux biss tirrispondi għal sitwazzjonijiet simili iżda li tkompli tfittex u tgħin lil dawn ħutna fil‑bżonn. Is‑sena li għaddiet, aktar minn 1,300 familja fil‑bżonn f’Malta u Għawdex ġew mgħejuna regolarment mill‑voluntiera fil‑parroċċi, minn Fondazzjoni Sebħ, Millennium Chapel, St Jeanne Antide Foundation, mis‑Segretarjat Assistenza Soċjali u Paolo Freire Institute u Caritas Malta, bil-kordinament ta’ Caritas Djakonija Unit flimkien mal‑Kummissjoni Djoċesana Djakonija
Din l-istqarrija hi ffirmata minn: Kummissjoni Djoċesana Djakonija, Caritas Malta, Church Homes for the Elderly, Dar Hosea, Dar Merħba Bik Foundation, Dar tal‑Providenza, Fondazzjoni Sebħ, Franciscan Welfare Association, Jesuit Refugee Service, Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, Kummissjoni Migranti, Mater Dei u Sir Anthony Mamo Oncology Centre Chaplains, Millennium Chapel, Paulo Freire Institute, Peace & Good Foundation, Segretarjat Assistenza Soċjali, St Jeanne Antide Foundation, Soċjetà ta’ San Vincenz de Paule, Sorijiet tal‑Bon Pastur, Uffiċċju Djakonija Djoċesi ta’ Għawdex, Uffiċċju Ħidma Pastorali mal‑Persuni Separati u Youth Alive Foundation.