Fl-evanġelju ta’ San Ġwann, Gesu jesprimi b’mod ċar l-għan tal-missjoni tiegħu li jkollna l-ħajja u l-ħajja bil-kotra. Għaldaqstant, biex tkun taqbel mal-pjan u l-ħolma ta’ Alla, l-ħajja ta’ kull bniedem għandha tmur lil hinn mis-sempliċi sopravivenza. F’dan l-aspett it-Tagħlim Soċjali tal-Knisja joffri viżjoni koerenti u konsistenti: Ir-rispett lejn il-persuna u d-difiża tal-ħajja ma jiddependux mill-età, l-ħila, l-abiltà jew il-kontribut finanzjarju tagħha. Il-pedament ta’ etika konsistenti favur il-ħajja huwa d-dinjità tal-bniedem, li l-ebda ċirkostanza u l-ebda liġi umana ma jistgħu qatt idgħajfu. Barra minn hekk, aħna msejjħin inħarsu u niddefendu l-ħajja mhux biss f’tarf jew ieħor tal-ħajja. Imma wkoll bejn dawn iż-żewġ mumenti, billi bil-kliem u l-għemil tagħna nissieltu kontra dak kollu li jmur kontra d-dinjità tal-bniedem u nippromwovu qafas soċjali, ekonomiku u politiku li jippermetti l-iżvilupp sħiħ ta’ kull persuna maħluqa xbieha ta’ Alla.
Jekk niffukaw fuq dak li jinsab bejn iż-żewġ trufijiet tal-ħajja u naraw x’jhedded il-ħajja u l-ħajja bil-kotra, nindunaw li l-lista hija waħda pjuttost twila. Fost l-indifferenza ġenerali, fil-baħar ta’ madwarna, mijiet imutu kull sena huma u jfittxu l-ażil. Oħrajn imutu fuq is-siti tal-kostruzzjoni, f’inċidenti li saru “normali”. Kważi kull ġimgħa sirna nisimgħu b’inċidenti fatali tat-traffiku. Biex ma nsemmux il-każijiet ta’ vjolenza domestika li jwasslu wisq ta’ spiss għall-qtil brutali ta’ nisa. Ma’ din il-lista traġika pero, irridu nżidu wkoll il-persuni li għandhom ħajja, imma mhux ħajja dinjituża. Bħal per eżempju dawk li minkejja li jaħdmu sigħat twal, bilkemm għandhom biex jieklu huma u l-familja tagħhom. Il-ħafna żgħażagħ li qed jissieltu kontra l-mard mentali u mhux dejjem isibu l-għajnuna li jixirqilhom huma eżempju ieħor. Nonqsu ukoll milli nirrispettaw id-dinjità tal-persuni meta lill-anzjani li m’għadhomx “produttivi”, nabbandunawhom fid-djar tal-anzjani, mingħajr ma mmorru nżuruwhom.
Is-sejħa għalina l-Insara hija li nilqgħu l-istedina li jagħmlilna l-Papa Franġisku fi Fratelli Tutti biex “nwessgħu l-qalb tagħna”. (Fratelli Tutti, 61). Dan nagħmluh l-ewwel u qabel kollox billi fina u madwarna ngħidu le għal kull atitudni, liġi, prattika, kelma, struttura, li jwasslu għal xi wħud mill-eżempji imsemmija hawn fuq. Jeħtieġ li nishru fuq dak li qed jiġri f’qalbna u fis-soċjetà ta’ madwarna u ma naqgħux f’dik l-indifferenza frott l-aljenazzjoni li ma tħalliniex nagħrfu dan it-theddid. Fl-istess ħin, li ngħidu le mhux biżżejjed. Jeħtieġ ngħidu iva lill-kultura tal-ħajja billi “inqabbdu ħġejjeġ ta’ ħlewwa meta l-kesħa tal-ħajja qed thedded lil dawk li qed ibatu.” (Papa Franġisku f’Ta Pinu, Għawdex, 2022)
Li nkunu favur il-ħajja tfisser għalhekk li fuq livell personali, nagħżlu l-ħlewwa fuq l-agressjoni, d-djalogu fuq il-firdiet. Ifisser ukoll li nieħdu ħsieb mhux biss lil ħutna, imma wkoll il-ħolqien ta’ madwarna. Fuq livell komunitarju, ifisser li noħolqu komunitajiet li jilqgħu, fejn ħadd m’hu imwarrab u mixħut fil-periferiji sakemm isir kważi inviżibli. U fl-aħħarnett, fuq livell politiku, li tkun favur il-ħajja tfisser li noħolqu strutturi, istituzzjonijiet u liġijiet li verament jippermettu il-kisba ta’ żvilupp uman sħiħ ta’ kull individwu u tal-komunità li tgħaqqadna.
(This article first appeared in Leħen is-Sewwa 09/07/2023)